W3C Tniedi Ħidma biex Tissimplifika l-Ħolqien ta' Kontenut fil-Lingwi tad-Dinja
Standards Ser Jappoġġjaw it-Traduzzjoni, l-Adattament tal-Kontenut fuq il-Web
http://www.w3.org/ —7 Marzu 2012 – Ħafna mill-ikbar intrapriżi u dawk tal-iktar suċċess jużaw il-Web sabiex jilħqu l-klijenti madwar id-dinja. L-għoti ta' informazzjoni f'lingwi lokali huwa kruċjali għan-negozju tagħhom. Illum W3C ħabbar ħidma ġdida li tagħmilha iktar faċli għan-nies sabiex joħolqu kontenut tal-Web fil-lingwi tad-dinja. Il-MultilingualWeb-LT (Language Technology) Working Group se jiżviluppa modi standard li jappoġġjaw it-traduzzjoni (awtomatika u manwali) u l-adattament tal-kontenut tal-Web għal bżonnijiet lokali, mill-ħolqien tiegħu sat-tqassim lill-utent finali.
Traduzzjoni: Industrija ta' bosta biljuni ta' dollari, u li qed tikber
Analiżi tas-suq turi li t-traduzzjoni kummerċjali bħalissa tirrappreżenta suq annwali ta’ $21-26 biljun, li permezz tiegħu jsir negozju transkonfinali ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ dollari madwar id-dinja. Kumpaniji multinazzjonali jistgħu jeħtieġu t-traduzzjoni ta’ kontenut tal-Web f’għexieren ta’ lingwi b’mod simultanju, u korpi pubbliċi mill-Ewropa u l-Indja tipikament jeħtieġu li jikkomunikaw maċ-ċittadini f’ħafna lingwi.
In-nuqqas ta’ standards għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-traduzzjonijiet hija stmata li tiswa lill-industrija madwar 20% aktar fi spejjeż ta’ traduzzjoni, li jammontaw għal biljuni ta’ dollari. Barra minn hekk, ostakoli għad-distribuzzjoni ta’ kontenut f’aktar minn lingwa waħda jfissru telf ta’ negozju. Per eżempju, studju wieħed jindika li 51% tal-bejjiegħa Ewropej ibiegħu permezz tal-Internet, iżda 21% biss jappoġġjaw transazzjonijiet transkonfinali. Filwaqt li 30% taċ-ċittadini Ewropej ikunu xtraw onlajn, 7% biss xtraw minn bejjiegħ bl-imnut fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Skont l-istess studju, anki utenti multilingwi tal-Internet jevitaw li jixtru minn sit li huwa f’lingwa oħra li mhux il-lingwa tagħhom.
Hekk kif il-Web isir iktar lingwistikament divers – iċ-Ċiniż, ir-Russu u l-Għarbi kibru l-iktar fl-aħħar deċennju – id-domanda għat-traduzzjoni ser tiżdied ukoll. Inqas minn terz tal-utenti attwali tal-Internet jitkellmu bl-Ingliż bħala l-lingwa nattiva tagħhom u dak il-proporzjoni ser ikompli jonqos hekk kif l-użu tal-Internet ikompli jikber. Ħafna nies diġa jużaw magni ta’ traduzzjoni onlajn biex jappoġġjaw traduzzjoni on-demand, li jagħmilha aktar importanti biex il-kreaturi tal-kontenut jikkunsidraw l-użi downstream tal-kontenut tagħhom.
Il-Komunità Ġġib Esperjenza Diversa fit-Tabella W3C
Sabiex jappoġġjaw dawn ix-xejriet, il-Pjattaforma emerġenti Open Web (b’HTML5 bħala l-bażi) għandha tappoġġja d-distribuzzjoni tal-kontenut f’diversi lingwi u tagħmilha iktar faċli għan-nies sabiex joħolqu u jżommu t-traduzzjonijiet.
Għaxar organizzazzjonijiet saru Membri tal-W3C speċifikament sabiex jiġbru r-rekwiżiti u biex jaħdmu fuq standards ġodda għat-traduzzjoni u l-adattament tal-kontenut tal-Internet għall-bżonnijiet lokali. Huwa jirrappreżentaw diversità ġeografika kif ukoll servizzi professjonali ta’ traduzzjoni u bejjiegħa tat-teknoloġija tat-traduzzjoni bil-magni, li t-tnejn li huma huma essenzjali għall-kisba ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-istandards. Bil-preżenza tal-produtturi tal-kontenut, kumpaniji ta’ lokalizzazzjoni, esperti fit-teknoloġija tal-lingwa, bejjiegħa tal-browsers, ħaddiema li jfasslu l-għodda u l-utenti, il-Grupp ta’ Ħidma jidentifika soluzzjonijiet ta’ appoġġ għal traduzzjoni veloċi u ta’ kwalità għolja fuq l-Internet. Meta jsir dan ix-xogħol fi ħdan il-W3C tkun qed tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet mal-Pjattaforma Open Web u ma' sforzi multilingwi ta' datalinked u b’hekk ikun qiegħed jinfetaħ kemm għal agenżiji ta’ traduzzjoni żgħar kif ukoll għal fornituri kbar ta' Servizzi Lingwistiċi.
Il-Grupp ta’ Ħidma ser jikkollabora ma’ organizzazzjonijiet oħra involuti b’mod attiv fi kwistjonijiet multilingwi, inklużi l-Konsorzju Unicode, ETSI, ISO u OASIS.
Il-Grupp ta’ Ħidma maħluq mill-ġdid għandu l-appoġġ tal-proġett ġdid MultiLingualWeb-LT, li jibni fuq proġett preċedenti MultilingualWeb li kien immexxi minn W3C. Iż-żewġ proġetti MultilingualWeb u MultilingualWeb-LT jirċievu l-appoġġ mill-Unjoni Ewropea. Fokus wieħed tal-UE huwa l-ħolqien ta’ suq diġitali uniku fuq l-Internet. Studji juru li t-tnaqqis tal-ostakoli fil-lingwi huwa essenzjali għal dan l-isforz.
Dwar il-Konsorzju World Wide Web (W3C)
il-Konsorzju World Wide Web (W3C) huwa konsorzju internazzjonali fejn l-organizzazzjonijiet Membri, impjegati full-time u l-pubbliku jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw l-istandards tal-Internet. W3C primarjament issegwi l-missjoni tagħha permezz tal-ħolqien ta’ Internet standards u linji gwida mfassla sabiex jiżguraw tkabbir fit-tul għall-Internet. Aktar minn 340 organizzazzjoni huma membri tal-konsorzju. W3C huwa mmexxi b’mod konġunt minn MIT Computer Science and Artificial Intelligence Laboratory (MIT CSAIL) fl-Istati Uniti, il-European Research Consortium for Informatics and Mathematics (ERCIM) li għandha l-kwartieri ġenerali fi Franza u minn Keio University fil-Ġappun, u għandu uffiċċji oħra madwar id-dinja . Għal aktar informazzjoni ara http://www.w3.org/
Kuntatt
Ian Jacobs, <w3t-pr@w3.org>, +1.718 260 9447